Dan l-artiklu gie ippublikat fin-Nazzjon  fil-31 ta’ Ottubru, 2004.

IL-PASSJONI
Esperjenza spiritwali twassal ghal espressjoni qawwija fuq it-tila.

 

FABIO BORG huwa artist li dan l-aħħar sab ruħu affaxxinat mill-mod kif l-Evanġelista San Ġwann iddeskriva l-passjoni ta’ Kristu. Tant kien ispirat, li ħass il-bżonn li jesprimi din l-esperjenza spiritwali permezz ta’ wirja ta’ l-arti bit-tema Emotions and Passion li qed tittella’ fil-bitħa tal-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arti fil-Belt Valletta. IN-NAZZJON iltaqa’ ma’ Fabio biex isir jaf iżjed dwar ix-xogħol ippreżentat f’din il-wirja u dwar l-esperjenza artistika tiegħu.

 

Kif tiddeskrivi lilek inniffsek?

Kull ma nghamel fil-hajja tieghi ghandu x'jaqsam tal-kreattività. Naħdem bħala graphic designer ma’ kumpanija privata u ili mżżewweg għal dawn l-aħħar sena u nofs u dalwaqt ser insir missier. Din hi xi ħaġa li għamlitni ferħan. Kull min jafni jista’ għid li dejjem moħħni fil-pittura u kull ħin li jkolli inqattgħu impinġi u nipproduċi xogħol ġdid. Inħobb insiefer u nżur postijiet ġodda għaliex jiena nemmen li s-safar jiftaħli idejat ġodda u jimmaturani. Fil-fatt għadni kif ġejt minn btala f’Pariġi.

Meta bdejt bl-attivita artistika tieghek?

Din hija mistoqsija daqxejn diffiċli biex nirrispondieha minħabba l-fatt li minn dejjem nafni impinġi; minn mindu kont żgħir ħafna. Dejjem niftakarni niddisinja, impinġi u nimla l-mejda tal-kċina t’ommi biż-żebgħa! Jekk kelli ngħid minn meta, żgur li ma nistax inkun eżatt. Fil-fatt kont ukoll bdejt ta’ eta zgħira nistudja l-pittura ġewwa l-iskola ta l-arti l-Belt Valletta. Naħseb sewwa jgħidu li artist titwieled.

Xi tfisser għalik l-arti?

L-arti għalija hija kollox. Nista ngħid li minghajrha ma ngħix. Permezz ta’ l-arti nista’ nesprimi ruħi u nsir naf iktar lili nnifsi bħala persuna. Inħossa li l-arti tgħamilni komplut. Jekk nista’ niddefiniha, nuża’ frażi li kienet laqtitni ħafna li tinsab miktuba fuq il-ħajt ta’ l-istudju ta’ l-artist Gabriel Caruana. Din il-frażi tgħid li L-arti hija il-ħajja imma meta l-ħajja ssir arti kollox isir poeżija. Naħseb li din il-frażi tiġbor fil-qosor xi tfisser għalija l-arti.

X’jispirak?


Naħseb jispirani dak kollu li hemm madwari. Kull esperjenza tal-ħajja, tajba u ħażina. Jispirani dak kollu li lili jagħmilni ferħan u dak kollu li jweġġgħani.

 

4)    Kif tħares lejn il-qasam artistiku f¹Malta? X’jogħġbok? X’tixtieq tara aħjar?


Biex inkun sinċier f’Malta hawn kwalità ta arti għolja ħafna. Għandna ħafna artisti tajbin u kapaċi. Jiena personali inħossni kburi li nifforma parti ninn dan iċ-ċirku artistiku. Li forsi għandna u jddejaqni hi li aħna pajjiż żgħir u li forsi limitat però minn dan kollu noffru qawwa enormi.

5)    Il-wirja tieghek. Xi tghidli dwarha?

F'din il-wirja ittrattajt it-tema tal-Passjoni skond il-vanġelu ta San Gwann. F'din il-wirja ma rrakkuntajtx l-istorja tal-passjoni, għaliex dik kwazi kulħadd jafha, pero li għamilt hu li ħadt aspetti teoloġiċi u esprimejt is-sinifikat tagħhom għalija.

6)    Ghalfejn ghazilt it-tema tal-passjoni?

Għażilt it-tema tal-passjoni għaliex għoġobni l-mod kif ittrattah San Gwann. Għal min ma jafx, dan huwa vanġelu miktub bi stil differenti mill-vanġeli l-oħra. L-istil li bieh kitbu affaxxinani u fih ħafna x'tirrifletti dwaru. Ġejt ispirat li niddedika wirja fuq tema evanġelika minn mindu qrajt l-ittra li l-Papa Gwanni Pawlu II kien kiteb lill-artisti fin-1999 fejn ħeġġeg li l-iskrittura għanda tkun font ta’ ispirazzjoni artistika. Xtaqt ukoll nirrispondi ghal din is-sejħa li għamel.


7)    Kif tiddeskrivi l-esperjenza tieghek inti w tipprepara ghal din il-wirja?

Għalkemm għajjejt ħafna sabiex intella’ wirja daqshekk impenjattiva, hija wirja għal qalbi ħafna għaliex barra li ipprezentajt l-emozzjonijiet tiegħi fuq it-tila ittrattajt tema sabiħa- il-passjoni ta Gesù. Hija wkoll għal qalbi għaliex tgħallimt ħafna. Kont ili naħdem fuqha għal dawn l-aħħar sena u nofs u nista’ ngħid li għamilt riċerka kbira. Bhala tema ma kinietx waħda faċli għaliex bħala vanġelu ta San Gwann hu diġa diffiċli fih innifsu. Kienu ħafna dawk in-nies li għenuni fiha, fosthom il-kuratur tal-Muzew ta' l-Arti Dennis Vella u Therese Vella. Għeni ħafna wkoll Patri Martin Micallef OFM CAP, professur ta' l-iskrittura ġewwa l-università ta’ Malta, li għeni niżviluppa dawn l-idejat teoloġici. Għenitni ħafna wkoll il-mara tieghi Mariella, permezz tas-support u l-inkoraġġament tagħha.

8)    X’inhu l-messagg li trid twassal b’dan ix-xoghol tieghek?

Permezz ta din il-wirja ridt ukoll nuri li l-arti kontemporanja hija mezz ta’ evanġeliżżazjoni u li l-kelma ta Alla għadha relevanti anki fi żminijiet moderni - hija xi ħaġa ukoll attwali. Tellajt din il-wirja issa wara  s-sajf u mhux forsi fi żmien tar-Randan kif ħafna staqsewni, għaliex ridt ukoll nuri li l-passjoni ta Kristu għandha relevanza matul is-sena kollha għaliex din hija storja ta' mħabba.

9)    L-ambizzjonijiet / xewqat tiegħek għall-ġejjieni.


Bla dubju li ntella’ wirjiet oħrajn u forsi xewqa li għandi hi li nagħmel wirja barra minn Malta.


10) Li kieku kellek tbiddel xi ħaġa madwarek xi tbiddel?

Xi ħaġa ohra li forsi nbiddel hija li jkun hawn tolleranza u paċi fid-dinja.

 

‘Emotions and Passion’ kienet inawgurata nhar l-Erbgħa 29 ta' Settembru u ser tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sat-22 ta' Ottubru.


 

Copyright Fabio Borg 2006
Webdesign: m7alpha Design Studios